LIĊENZJA PUBBLIKA TAL-UNJONI EWROPEA v. 1.2

EUPL © L-Unjoni Ewropea 2007, 2016

Din il-Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea (l-“EUPL”) tapplika għax-Xogħol (kif definit hawn taħt) li jiġi pprovdut skont it-termini ta' din il-Liċenzja. Kwalunkwe użu tax-Xogħol, għajr kif awtorizzat permezz ta' din il-Liċenzja, huwa pprojbit (sakemm tali użu ma jkunx kopert bid-drittijiet tal-awtur tax-Xogħol).

Ix-Xogħol huwa pprovdut skont ir-rekwiżiti ta' din il-Liċenzja meta l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja (kif definita hawn taħt) tkun ħarġet l-avviż li ġej immedjatament wara li jkun inħareġ l-avviż tad-drittijiet tal-awtur għax-Xogħol:

Mogħti liċenzja f'konformità mal-EUPL

jew tkun esprimiet b'xi mod jew ieħor ix-xewqa li tagħti liċenzja f'konformità mal-EUPL.

1. Definizzjonijiet

F'din il-Liċenzja, it-termini li ġejjin għandhom dawn it-tifsiriet:

— “Il-Liċenzja”: din il-Liċenzja.

— “Ix-Xogħol Oriġinali”: is-softwer distribwit u/jew ikkomunikat mill-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja skont din il-Liċenzja, disponibbli bħala Kodiċi tas-Sors u wkoll bħala Kodiċi Eżegwibbli, skont il-każ.

— Xogħlijiet Derivattivi: ix-xogħlijiet jew softwer li jistgħu jinħolqu mid-Detentur tal-Liċenzja, ibbażati fuq ix-Xogħol Oriġinali jew modifiki tiegħu. Din il-Liċenzja ma tiddefinix sa fejn biċċa xogħol għandha tkun modifikata jew dipendenti fuq ix-Xogħol Oriġinali sabiex tiġi kklassifikata bħala Xogħol Derivattiv; dan jiġi determinat bil-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur applikabbli fil-pajjiż imsemmi fl-Artikolu 15.

— “Ix-Xogħol”: ix-Xogħol Oriġinali jew ix-Xogħlijiet Derivattivi tiegħu.

— “Il-Kodiċi tas-Sors”: l-għamla tax-Xogħol li tista' tinqara' mill-bniedem li hija l-aktar waħda konvenjenti għan-nies biex jistudjawha u jimmodifikawha.

— “Il-Kodiċi Eżegwibbli”: kwalunkwe kodiċi li ġie miġbur b'mod ġenerali u li huwa intenzjonat li jiġi interpretat minn kompjuter bħala programm.

— “L-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja”: il-persuna naturali jew legali li tiddistribwixxi u/jew tikkomunika x-Xogħol permezz tal-Liċenzja.

— “Il-Kontributur(i)”: kwalunkwe persuna naturali jew legali li timmodifika x-Xogħol permezz tal-Liċenzja, jew inkella tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' Xogħol Derivattiv.

— “Id-Detentur tal-Liċenzja” jew “Inti”: kwalunkwe persuna naturali jew legali li tuża x-Xogħol skont ir-rekwiżiti tal-Liċenzja.

— “Distribuzzjoni” jew “Komunikazzjoni”: kwalunkwe azzjoni ta' bejgħ, għoti, self, kiri, distribuzzjoni, komunikazzjoni, trażmissjoni, jew inkella b'modi oħra t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' kwalunkwe persuna oħra naturali jew legali ta' kopji tax-Xogħol, onlajn jew offlajn, jew l-għoti ta' aċċess għall-funzjonalitajiet essenzjali tax-Xogħol lil kwalunkwe persuna oħra naturali jew legali.

2. L-ambitu tad-drittijiet mogħtija bil-Liċenzja

L-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja b'dan Lilek tagħtik liċenzja li tista' tintuża madwar id-dinja kollha, ħielsa mid-dritt tal- awtur, mhux esklussiva, liċenzja subliċenzjabbli biex tagħmel dan li ġej, għat-tul ta' żmien stipulat tad-drittijiet tal-awtur mogħtija lix-Xogħol Oriġinali:

— tuża x-Xogħol fi kwalunkwe ċirkustanza u għal kull użu,

— tirriproduċi x-Xogħol,

— timmodifika x-Xogħol, u tagħmel Xogħlijiet Derivattivi bbażati fuqu,

— tikkomunika lill-pubbliku, inkluż id-dritt li tagħmel disponibbli jew turi lill-pubbliku x-Xogħol jew kopji tiegħu u li tħaddem ix-Xogħol pubblikament, skont ma jkun il-każ,

— tiddistribwixxi x-Xogħol jew kopji tiegħu,

— issellef u tikri x-Xogħol jew kopji tiegħu,

— tissubliċenzja d-drittijiet tal-awtur fix-Xogħol jew kopji tiegħu.

Dawk id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati fi kwalunkwe midja, supporti u formati, kemm dawk magħrufin bħalissa kif ukoll dawk li jiġu skoperti aktar tard, sakemm tippermetti l-liġi applikabbli.

Fil-pajjiżi fejn japplikaw id-drittijiet morali, l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja tirrinunzja d-dritt tagħha li teżerċita d-dritt morali sal-limitu li tippermetti l-liġi sabiex il-liċenzja tad-drittijiet ekonomiċi elenkati hawn fuq tkun effettiva.

L-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja tagħti lid-Detentur tal-Liċenzja drittijiet ta' użu, ħielsa mid-drittijiet tal-awtur u mhux esklussivi għal kwalunkwe brevett miżmum mill-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja, sa fejn huwa meħtieġ sabiex jintużaw id- drittijiet mogħtija fuq ix-Xogħol permezz ta' din il-Liċenzja.

3. Il-Komunikazzjoni tal-Kodiċi tas-Sors

L-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja tista' tipprovdi x-Xogħol jew fl-għamla tal-Kodiċi tas-Sors, jew bħala Kodiċi Eżegwibbli. Jekk ix-Xogħol jiġi pprovdut bħala Kodiċi Eżegwibbli, l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja tipprovdi wkoll kopja li tista' tinqara minn magna tal-Kodiċi tas-Sors tax-Xogħol flimkien ma' kull kopja tax-Xogħol li l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja tiddistribwixxi jew tindika, f'avviż li jinħareġ wara l-avviż tad-drittijiet tal-awtur mehmuż max-Xogħol, repożitorju fejn il-Kodiċi tas-Sors ikun aċċessibbli faċilment u bil-libertà sakemm l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja tkompli tiddistribwixxi jew tikkomunika x-Xogħol.

4. Limitazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-awtur

Ma hemm xejn f'din il-Liċenzja li huwa intenzjonat li jċaħħad lid-Detentur tal-Liċenzja mill-benefiċċji ta' kwalunkwe eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet esklussivi tad-detenturi tad-drittijiet fix-Xogħol, jew mill-eżawriment ta' dawk id-drittijiet jew ta' limitazzjonijiet oħrajn applikabbli għalihom.

5. Obbligi tad-Detentur tal-Liċenzja

L-għoti tad-drittijiet imsemmija hawn fuq huwa soġġett għal xi restrizzjonijiet u obbligi imposti fuq id-Detentur tal- Liċenzja. Dawk l-obbligi huma kif ġej:

6. Katina ta' Awturi

L-Awtorità oriġinali li toħroġ il-Liċenzja tiggarantixxi li d-dritt tal-awtur fuq ix-Xogħol Oriġinali mogħtija hawn taħt huwa l-proprjetà tagħha jew liċenzjat lilha u li għandha l-poter u l-awtorità li tagħti l-Liċenzja.

Kull Kontributur jiggarantixxi li d-dritt tal-awtur fuq il-modifiki li jagħmel fix-Xogħol huwa l-proprjetà tiegħu jew li huma mogħtija lilu permezz ta' liċenzja u li għandu l-poter u l-awtorità li jagħti l-Liċenzja.

Kull darba li Inti taċċetta l-Liċenzja, l-Awtorità oriġinali li tkun ħarġet il-Liċenzja u l-Kontributuri sussegwenti jagħtu liċenzja Lilek għall-kontributi tagħhom għax-Xogħol, skont it-termini ta' din il-Liċenzja.

7. Rinunzja ta' Garanzija

Ix-Xogħol huwa xogħol li għadu għaddej, li jittejjeb kontinwament permezz ta' Kontributuri numerużi. Mhuwiex xogħol lest u għalhekk jista' jkollu difetti jew “bugs” inerenti f'dan it-tip ta' żvilupp.

Għal din ir-raġuni, ix-Xogħol jiġi pprovdut permezz tal-Liċenzja fuq bażi “tale quale” u mingħajr garanziji ta' kwalunkwe tip dwar ix-Xogħol, inkluż mingħajr limitazzjonijiet, kummerċjabilità, adegwatezza għal xi skop partikolari, assenza ta' difetti jew żbalji, akkuratezza, nuqqas ta' vjolazzjoni ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali minbarra d-drittijiet tal-awtur kif stabbiliti bl-Artikolu 6 ta' din il-Liċenzja.

Ir-rinunzja tal-garanzija hija parti essenzjali tal-Liċenzja u kundizzjoni għall-għoti ta' kwalunkwe dritt għax-Xogħol.

8. Rinunzja ta' Responsabbiltà

Għajr fil-każijiet ta' kondotta ħażina volontarja jew ta' ħsarat ikkaġunati direttament lil persuni naturali, l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja fl-ebda każ ma tista' tinżamm responsabbli għal kwalunkwe ħsara diretta jew indiretta, materjali jew morali, ta' kwalunkwe xorta, li tirriżulta mil-Liċenzja jew mill-użu tax-Xogħol, fosthom mingħajr limitazzjoni, ħsarat għat-telf ta' avvjament, waqfien mix-xogħol, waqfien jew ħsara tal-kompjuter, telf ta' data jew ħsara kummerċjali, ukoll jekk l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja ġiet avżata dwar il-possibbiltà ta' tali ħsara. Madankollu, l-Awtorità li toħroġ il- Liċenzja tkun responsabbli skont il-liġijiet statutorji dwar ir-responsabbiltà tal-prodott, sakemm dawn il-liġijiet japplikaw għax-Xogħol.

9. Ftehimiet Addizzjonali

Waqt id-distribuzzjoni tax-Xogħol, tista' tagħżel li tikkonkludi ftehim addizzjonali, li jiddefinixxi l-obbligi jew is-servizzi li huma konsistenti ma' din il-Liċenzja. Madankollu, jekk taċċetta tali obbligi, Inti tista' taġixxi biss f'ismek stess u bir- responsabbiltà tiegħek biss, mhux f'isem l-Awtorità oriġinali li tkun ħarġet il-Liċenzja jew kwalunkwe Kontributur ieħor, u dan biss jekk Inti taqbel li tikkumpensa, tiddefendi, u żżomm ħieles kull Kontributur għal kwalunkwe obbligazzjoni attwali, jew talba kontra tali Kontributur bil-fatt li Inti aċċettajt kwalunkwe tali garanzija jew responsabbiltà addizzjonali.

10. Aċċettazzjoni tal-Liċenzja

Tista' taċċetta d-dispożizzjonijiet ta' din il-Liċenzja billi tikklikkja l-buttuna “Naqbel” taħt qiegħ it-tieqa li turi t-test ta' din il-Liċenzja, jew billi taqbel b'xi mod simili ieħor, skont ir-regoli tal-liġi applikabbli. Billi tikklikkja l-buttuna, Inti tkun qed tindika l-aċċettazzjoni ċara u irrevokabbli tiegħek għal din il-Liċenzja bit-termini u l-kundizzjonijiet kollha tagħha.

Bl-istess mod, Inti taċċetta din il-Liċenzja u t-termini u l-kundizzjonijiet kollha tagħha b'mod irrevokabbli billi teżerċita kwalunkwe dritt mogħti Lilek bl-Artikolu 2 ta' din il-Liċenzja, bħall-użu tax-Xogħol, il-ħolqien minnek ta' Xogħol Derivattiv jew id-Distribuzzjoni jew Komunikazzjoni Tiegħek tax-Xogħol jew kopji tiegħu.

11. Informazzjoni għall-pubbliku

Fil-każ ta' kwalunkwe Distribuzzjoni jew Komunikazzjoni tax-Xogħol permezz ta' komunikazzjoni elettronika Minnek (pereżempju, billi toffri li tniżżel ix-Xogħol minn post remot) il-mezzi ta' distribuzzjoni jew il-midja (pereżempju, sit web) għandhom tal-anqas jipprovdu għall-pubbliku t-tagħrif meħtieġ bil-liġi applikabbli dwar l-identifikazzjoni u l- indirizz tal-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja, il-Liċenzja u l-mod kif tista' tkun aċċessibbli, konkluża, maħżuna u riprodotta mid-Detentur tal-Liċenzja.

12. Terminazzjoni tal-Liċenzja

Il-Liċenzja u d-drittijiet mogħtija hawn jispiċċaw awtomatikament mal-ksur tal-kundizzjonijiet tal-Liċenzja mid-Detentur tal-Liċenzja.

Terminazzjoni bħal din ma ttemmx il-liċenzji ta' kwalunkwe persuna li tkun irċeviet ix-Xogħol mid-Detentur tal-Liċenzja skont il-Liċenzja, sakemm tali persuni jibqgħu f'konformità sħiħa mal-Liċenzja.

13. Mixxellanju

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 hawn fuq, il-Liċenzja tirrappreżenta l-ftehim sħiħ bejn il-Partijiet rigward ix- Xogħol.

Jekk kwalunkwe dispożizzjoni tal-Liċenzja ma tkunx valida jew infurzabbli bil-liġi applikabbli, dan ma jaffettwax il- validità jew l-infurzar tal-Liċenzja kollha kemm hi. Tali dispożizzjoni tinftiehem jew tkun riformata b'tali mod kif meħtieġ biex tkun valida u infurzabbli.

Il-Kumissjoni Ewropea tista' tippubblika verżjonijiet b'lingwi oħra jew verżjoni ġdida ta' din il-Liċenzja jew verżjonijiet aġġornati tal-Appendiċi, sakemm dan ikun meħtieġ u raġonevoli, mingħajr ma tnaqqas l-ambitu tad-drittijiet mogħtija bil-Liċenzja. Verżjonijiet ġodda tal-Liċenzja jiġu ppublikati b'numru uniku tal-verżjoni.

Il-verżjonijiet kollha ta' din il-Liċenzja bil-lingwi differenti, approvati mill-Kummissjoni Ewropea, għandhom valur identiku. Il-Partijiet jistgħu jutilizzaw il-verżjoni bil-lingwa tal-għażla tagħhom.

14. Ġurisdizzjoni

Mingħajr preġudizzju għal ftehim speċifiku bejn il-partijiet,

— kwalunkwe tilwim li jirriżulta mill-interpretazzjoni ta' din il-Liċenzja li jista' jqum bejn l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni Ewropea, bħala l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja, u kwalunkwe Detentur tal-Liċenzja, ikun soġġett għall-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif stabbilit bl-Artikolu 272 tat-Trattat li jistab­ bilixxi l-Unjoni Ewropea.

— kwalunkwe tilwim li jista' jqum bejn Partijiet oħrajn, u li jirriżulta mill-interpretazzjoni ta' din il-Liċenzja, ikun soġġett għall-ġuriżdizzjoni esklussiva tal-qorti kompetenti fil-post ta' residenza tal-Awtorità tal-Liċenzja jew fejn huwa stabbilit in-negozju primarju tagħha.

15. Liġi applikabbli

Mingħajr preġudizzju għal ftehim speċifiku bejn il-partijiet,

— Din il-Liċenzja għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea fejn l-Awtorità li toħroġ il-Liċenzja hija residenti jew għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha,

— din il-liċenzja għandha tkun irregolata mil-Liġi Belġjana jekk minn joħroġ il-liċenzja ma jkollux sede, residenza jew uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Appendiċi

“Liċenzji Kompatibbli” skont l-Artikolu 5 tal-EUPL huma:

— GNU General Public License (GPL) v. 2, v. 3

— GNU Affero General Public License (AGPL) v. 3

— Open Software License (OSL) v. 2.1, v. 3.0

— Eclipse Public License (EPL) v. 1.0

— CeCILL v. 2.0, v. 2.1

— Mozilla Public Licence (MPL) v. 2

— GNU Lesser General Public Licence (LGPL) v. 2.1, v. 3

— Creative Commons Attribution-ShareAlike v. 3.0 Unported (CC BY-SA 3.0) għal xogħlijiet għajr minn softwer

— European Union Public Licence (EUPL) v. 1.1, v. 1.2

— Québec Free and Open-Source Licence — Reciprocity (LiLiQ-R) jew Strong Reciprocity (LiLiQ-R+)

Il-Kummissjoni Ewropea tista' taġġorna dan l-Appendiċi għal verżjonijiet sussegwenti tal-liċenzji hawn fuq imsemmija mingħajr ma tipproduċi verżjoni ġdida tal-EUPL, sakemm jiġu pprovduti d-drittijiet garantiti fl-Artikolu 2 ta' din il-Liċenzja u jiġi protett minn approprjazzjoni esklużiva l-Kodiċi Sors kopert.

Kull tibdil jew żieda ulterjuri għal dan l-Appendiċi jeħtieġ produzzjoni ta' verżjoni ġdida tal-EUPL.


This website is not sponsored or endorsed by the European Commission or any other institution, body or agency of the European Union.

Created by Javier Casares (legal) under license EUPL 1.2.